Abort bil-Pilloli u Servizzi ta' Telemediċina
L-abort mediku, magħruf ukoll bħala abort bil-pilloli, huwa proċess li bih it-tqala tintemm billi jittieħdu ċertu mediċini. It-tqala mbagħad titneħħa mill-ġisem bħalma jiġri waqt korriment naturali. Din il-paġna tiġbor fil-qosor il-fatti dwar l-abort mediku, u twieġeb xi mistoqsijiet frekwenti.
Il-pilloli l-aktar użati għall-abort huma Mifepristone u Misoprostol u skond il-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dawn jistgħu jintużaw id-dar mill-mara tqila sa 12-il ġimgħa ta' tqala.
Abort bil-pilloli ġeneralment isir kif ġej:
L-ewwel pillola, Mifepristone, jittieħed f’doża ta’ 200mg. Il-pillola Mifepristone tinbela' mal-ilma. Din il-pillola tista' tikkawża xi ftit dardir. Huwa rari li l-korriment jibda wara qabel tieħu t-tieni pillola, pero' tista' tesperjenza xi uġigħ ta' żaqq u tista' anke tara ftit demm qabel tieħu t-tieni pollola.
It-tieni pillola, Misoprostol, tittieħed 24 siegħa u wara f'doża ta' 800mcg. Dan normalment ifisser li erba' pilloli ta' Misoprostol 200mcg jintużaw f'daqqa. Il-pilloli Misoprostol jitpoġġew taħt l-ilsien għal 30 minuta, fejn jinħallu. Misoprostol jista' jitqiegħed ukoll ġewwa l-vaġina.
Il-korriment għandu jibda fi ftit minuti sa ftit sigħat wara li jintuża Misoprostol. Huwa normali li jkollok aktar uġigħ minn period normali. Dardir u rimettar huma wkoll komuni. Tista' tara ċappa laħam qisha borża bajda li tissejjaħ il-pregnancy sac, pero' huwa rari li tara embrijun iffurmat.
Jekk tliet sigħat wara li tieħu Misoprostol ma tkunx beda ħiereġ id-demm, għandha tittieħed it-tieni doża ta' Misoprostol, li normalment tfisser li tpoġġi tnejn jew erba' pilloli oħra ta' Misoprostol taħt l-ilsien għal 30 minuta, jew ġewwa l-vaġina jekk ikollok wisq dardir. Għal tqala ta' aktar minn 9 ġimgħat, it-tieni doża ta' Misoprostol għandha dejjem tintuża.
Huwa normali li tara iktar demm minn period normali, u li tara clots u biċċiet ta' laħam. Madankollu, jekk tara wisq demm (per eżempju timla' aktar minn 4 maxi pads f'sagħtejn), jew ikollok uġigħ qawwi li ma jerħix bil-painkillers, jew jitlagħlek deni qawwi, ikollok bżonn tikseb l-għajnuna ta' tabib.
Tista' wkoll tara dan il-filmat informattiv minn Doctors for Choice dwar kif isir abort bil-pilloli:
Jekk għandek Misoprostol biss:
Huwa possibbli li jsir abort billi tuża Misoprostol biss, għalkemm idealment dan għandu jintuża ma' Mifepristone kif miktub fuq. Women on Web and Women Help Women dejjem jibagħtu pakketti li fihom kemm Mifepristone kif ukoll Misoprostol. Madankollu, aħna b'każijiet ta; nisa f’Malta li kisbu Misoprostol biss. Il-protokoll għal abort b'Misoprostol biss huwa kif ġej:
Misoprostol jittieħed f'doża ta' 800mcg. Is-soltu jfisser erba' pilloli ta' Misoprostol 200mcg jintużaw f'daqqa. Il-pilloli misoprostol jitqiegħdu taħt l-ilsien għal 30 minuta, fejn jinħallu. Misoprostol jista' jitqiegħed ukoll ġewwa l-vaġina. Misoprostol għandu jiġi mxarrab bl-ilma qabel ma jitqiegħed fil-vaġina.
Wara tliet sigħat, tittieħed doża oħra ta' Misoprostol 800mcg.
Wara tliet sigħat oħra, tittieħed doża oħra ta' Misoprostol 800mcg. Aktar dożi ta' Misoprostol jistgħu jittieħdu jekk hemm bżonn sakemm jibda l-abort.
B'kollox, mill-inqas 12-il pillola ta' Misoprostol 200mcg huma meħtieġa għal abort b'Misoprostol biss. Ir-rata ta’ suċċess ta’ abort b’Misoprostol biss hija ta’ madwar 84%. Id-demm għandu jibda fi żmien 7 sigħat wara li tieħu l-ewwel doża ta’ Misoprostol. Jekk ikun hemm ftit jew xejn demm sa 72 siegħa wara l-Misoprostol, dan ifisser li l-abort ma kienx suċċess.
Kif ittaffi l-uġigħ waqt abort bil-pilloli:
Abort bil-pilloli huwa essenzjalment korriment. Waqt korriment huwa normali li jkollok uġigħ pjuttost qawwi bħala cramps (jiġi u jmur). L-istess mediċini li jtaffu l-uġigħ waqt period huma wkoll effettivi biex itaffu l-uġigħ waqt abort/korriment. Dawn jinkludu mediċini tal-klassi NSAIDs bħal Ibuprofen (Nurofen), jew Mefenamic acid (Ponstan jew Afoxan), jew Diclofenac (Catafast). Jekk ma jkollok l-ebda wieħed minn dawn, tista' tuża Paracetamol (Panadol).
Tista' tieħu l-ewwel doża ta' painkiller xi siegħa qabel tieħu Misoprostol, u mbagħad tirrepeti d-doża kull ftit sigħat sakemm l-uġigħ jonqos. Normalment l-uġigħ itaffi waħdu wara ħames sigħat, iżda huma normali li jkollok cramps 'l hawn u 'l hemm għal bosta ġranet wara l-abort.
Jekk ikollok bżonn għajnuna medika waqt jew wara l-abort:
Inqas minn 5% tan-nies li jużaw pilloli tal-abort fl-ewwel 12-il ġimgħa tqala jkollhom bżonn assistenza medika. Pero' jekk waqt jew wara l-abort titlef wisq demm (timla' aktar minn 4 maxi pads f'sagħtejn), ikollok ugigħ qawwi wisq li ma jittaffiex bil-painkillers, jitlagħlek id-den i jew ikollok xi tnixxiegħa tinten mill-parti tiegħek, ikollok bżonn tara tabib malajr. Jekk tkun emergenza, mur l-isptar mill-ewwel. Jekk tista' tistenna, tista' tara gynaecologist fi clinic. Jekk ma tkunx ċerta jekk it-tabib li qed tara huwiex pro-choice, m'hemmx għalfejn tgħidilhom li ħadt pilloli tal-abort. Tista' biss tgħid li qed tkorri.
Hemm ċans żgħir (inqas minn wieħed f'għoxrin każ) li t-tqala tista' tkompli wara li tieħu pilloli tal-abort. Biex tikkonferma li l-pilloli tal-abort ħadmu, tista' tieħu test tat-tqala ġimagħtejn wara li tieħu l-pilloli. Jekk dan jirriżulta negattiv, l-abort irnexxa. Jekk jirriżulta pożittiv, għandek terġa' tieħu t-test tat-tqala wara ġimgħa oħra. Jekk jerġa' jirriżulta pożittiv, allura huwa probabbli li t-tqala kompliet. Kors ieħor ta’ Mifepristone u Misoprostol jista’ jittieħed jekk tkun għadek inqas minn 12-il ġimgħa tqila. Abort kirurġiku huwa wkoll possibbli f'dawn il-każijiet.
Min jipprovdi pilloli tal-abort
Huwa fatt magħruf li Women on Web u Women Help Women jibagħtu pilloli tal-abort lin-nisa f’Malta.
Dawn huma organizzazzjonijiet ta’ fama internazzjonali li joffru servizzi ta’ telemediċina onlajn u huma magħrufa li jibagħtu pilloli awtentiċi. Dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet jibagħtu settijiet li fihom Mifepristone u Misoprostol, li huma l-mediċini rakkomandati mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-abort mediku. Il-pilloli normalment jaslu f'bejn ġimgħa u tliet ġimgħat.
Dawn l-organizzazzjonijiet jieħdu ħsieb li jistaqsuk mistoqsijiet biex ikunu ċerti li huwa sigur għalik li tuża pilloli tal-abort. Huma jitolbu donazzjoni ta' madwar 90 Ewro biex ikopru l-ispejjeż tal-pilloli u l-posta. Jekk jogħġbok ftakar li l-użu ta’ pilloli biex isir abort f’Malta huwa illegali. Tista' ssib aktar informazzjoni dwar kif tordna pilloli għall-abort fuq is-sit ta' Safe Abortion Malta.
Evita siti oħra fuq l-internet li joffru li jbiegħu pilloli għall-abort. Ħafna minnhom huma scams u jitolbu somom kbar ta' flus. Jekk għandek dubju dwar jekk sit huwiex awtentiku, ikkuntattjana.
Pilloli tal-abort għall-użu fil-futur
Women on Web jipprovdu wkoll pilloli tal-abort lil nies li mhumiex tqal f'każ li jkollhom bżonn jużawhom fil-futur. Tista' ssib aktar informazzjoni dwar dan is-servizz hawn.
Mistoqsijiet Frekwenti
L-abort huwa illegali f’Malta. Nista' niġi fl-inkwiet jekk nagħmel abort?
It-teħid ta' pilloli tal-abort f'Malta huwa illegali, madankollu m'aħniex konxji ta' xi nisa li ttellgħu l-qorti reċentement. Madankollu, dan jista' jiġri jekk tinqabad. Jekk tixtieq parir legali minn avukati favur l-għażla, tista' tikkuntattja lill-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa .
Il-pilloli tal-abort għandhom użi mediċinali oħra. Pereżempju, Mifepristone jintuża biex jikkura ċerti tipi ta' kanċer, u Misoprostol jintuża biex jikkura ulċeri fl-istonku.
Jekk tagħmel abort barra minn Malta f'pajjiż fejn huwa legali (li huwa kważi l-istati l-oħra kollha tal-UE), allura ma tistax tiġi mħarrka f'Malta.
Il-pilloli għall-abort jistgħu jintużaw id-dar?
Iva, pilloli għall-abort jistgħu jintużaw id-dar sa 12-il ġimgħa tqala, skond l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.
Ir-riskji ta' abort mediku huma l-istess bħal dawk ta' korriment. Madwar 15% tat-tqaliet kollha jispiċċaw fi korriment, li ħafna minnhom ma jseħħux fi sptar. Ħafna nisa ikorru d-dar u jfittxu attenzjoni medika biss f'każ ta' problemi, bħal f'każ ta' emoroġija jew deni. Abort mediku jixbah korriment u jista' jseħħ b'mod sikur id-dar.
Kemm huma effettivi l-pilloli għall-abort?
Mifepristone u Misoprostol itemmu b'suċċess it-tqala f'99.5% tal-każijiet. F'97% tal-każijiet, il-ġisem tal-mara jelimina t-tqala kollha li tibqa' b'mod naturali.
Huwa normali li tara demm bil-clots għal bosta ġranet wara abort. Jekk għandek uġigħ estrem, fsada qawwija u fit-tul, tnixxija vaġinali li tinxtamm tinten jew deni, jista' jkun sinjal li għandek kumplikazzjoni u għandek tikseb għajnuna medika.
Kemm idumu l-pilloli għall-abort biex jaslu Malta?
Il-pilloli għall-abort minn Women on Web ġeneralment jaslu fi 1-3 ġimgħat, filwaqt li minn Women Help Women jieħdu ftit iżjed, għalkemm il-ħinijiet ta' Women Help Women ittejbu reċentement. Madankollu, il-ħinijiet ivarjaw minħabba li l-organizzazzjonijiet jużaw metodi differenti tal-posta. Jekk il-pilloli ma jaslux jew jaslu tard, jekk jogħġbok ikkuntattja l-organizzazzjoni li ordnajthom.
Nista' nuża analġeżiċi (pain killers) waqt abort bil-pilloli?
Iva. Uġigħ pjuttost qawwi huwa mistenni waqt abort u Ibuprofen (Nurofen) huwa l-iktar analġeżiku effettiv. Paracetamol (Panadol) jista' jintuża wkoll iżda jista' jkun inqas effettiv.
In-nawżea hija komuni wkoll waqt l-abort u pilloli bħal Motilium jistgħu jgħinu.
Se nara embrijun joħroġ wara abort bil-pilloli?
Probabbilment le. Se tara demm u clots iżda huwa rari ħafna li tara embrijun. Għal abort li jsir fl-ewwel 8 ġimgħat tat-tqala, l-embrijun ikun żgħir wisq biex jidher. Lil hinn minn 8 ġimgħat, embrijun jew partijiet minnu jistgħu jidhru, għalkemm dawn ġeneralment jiġu mgħottija bid-demm u l-clots.
Jien ħadt pilloli għall-abort u għandi bżonn nara tabib. Jistgħu jindunaw li użajt pilloli tal-abort?
Mhux jekk tgħidilhom. M'hemm l-ebda test li jistgħu jagħmlu biex jiċċekkjaw jekk ħadtx pilloli tall-abort, sakemm ma jsibux il-pilloli huma stess. Women on Web jagħtu parir li Misoprostol jitpoġġa taħt l-ilsien minflok ġewwa l-vaġina, sabiex ma jkunx jista' jinstab l-ebda residwu tal-pilloli.
Jekk ħadt pilloli tall-abort u taħseb li għandek bżonn għajnuna medika, pereżempju tħossok dgħajfa ħafna, qed tara wisq demm, jew għandek id-deni, għandek tfittex l-għajnuna immedjatament.
X'jiġri jekk nirremetti wara li nieħu Mifepristone jew Misoprostol?
Jekk tirremetti fl-ewwel 90 minuta wara li tibla' Mifepristone, dan jista' jkun inqas effettiv. Madankollu, kif avżat minn Women Help Women, xorta tista' tkompli bl-abort billi tieħu Misoprostol l-għada.
Jekk tirremetti 90 minuta jew aktar wara li tibla' Mifepristone, allura dan diġà ġie assorbit u m'għandekx għalfejn tinkwieta.
Billi Misoprostol jinżamm taħt l-ilsien għal 30 minuta u m'għandekx għalfejn tibla', ir-rimettar huwa inqas probabbli li jkun problema. Madankollu, jekk tirremetti matul dawk it-30 minuta għandek tieħu doża oħra ta' Misoprostol. It-tqegħid ta' Misoprostol fil-vaġina huwa wkoll possibli.
In-nawżea hija komuni ħafna matul il-proċess tal-abort. Tista' tieħu mediċini bħal Motilium biex tgħin f'dan.
X'jiġri jekk ninsa nieħu Misoprostol wara Mifepristone?
Misoprostol jista' jintuża sa 72 siegħa (3 ijiem) wara Mifepristone. Jekk ma tiħux Misoprostol wara li tieħu Mifepristone, jista' jkollok wieħed minn tliet riżultati:
1. Xorta jista' jkollok abort komplet, jew
2. Jista' jkollok fetu mhux vijabbli li jibqa' fl-utru u dan ikollu jitneħħa bi proċedura kirurġika minuri, jew
3. It-tqala tiegħek tista' tkompli.
M'hemm l-ebda evidenza li l-effetti ta' Mifepristone jistgħu jitreġġgħu lura bl-użu ta' Progesterone jew kwalunkwe mediċina oħra.
Kif inkun naf jekk il-pilloli tal-abort ħadmux?
Ftit sigħat wara li tieħu Misoprostol għandek tibda tara d-demm, li għandu jkun mill-inqas tqil daqs period. Peress li l-ormoni tat-tqala jieħdu ftit ħin biex jinżlu wara abort, test tat-tqala jibqa' pożittiv sa tliet ġimgħat wara l-abort.
Tista' tagħmel test tat-tqala ġimagħtejn wara li tieħu pilloli ta' abort: Jekk jirriulta negattiv, allura l-abort kien suċċess. Jekk jirriżulta pożittiv, dan mhux bilfors ifisser li l-abort ma ħadimx - għandek tagħmel test ieħor ġimgħa wara (3 ġimgħat wara l-pilloli tal-abort). Jekk jibqa' pożittiv wara 3 ġimgħat, allura l-abort seta' ma rnexxiex u jista' jkollok tirrepeti l-proċess jew tagħżel abort kirurġiku.
Tista' wkoll tirranġa biex ikollok ultrasound biex tiċċekja jekk it-tqala intemmetx.
Meta għandi nibda nuża l-kontraċezzjoni wara abort bil-pilloli?
Għandek tibda tuża l-kontraċezzjoni mill-ewwel, għax l-ovulazzjoni tista' sseħħ ftit wara l-abort. Jekk tuża l-pillola kontraċettiva, tista' tibda pakkett ġdid l-għada li tieħu Misoprostol. Jekk tibda l-pill aktar minn tlett ijiem wara li tieħu Misoprostol, għandek tuża kondom għad-disat ijiem li jmiss.
L-abort jaffettwa l-fertilità tiegħi?
Le, abort ma jaffettwax iċ-ċans li jkollok it-tfal fil-futur. Madankollu, jekk tiżviluppa kumplikazzjoni qis li tfittex għajnuna immedjatament biex tevita ħsara lill-utru.
L-embrijun jew il-fetu jistgħu jħossuhom uġigħ meta jiġu abortiti?
Le. Skond riċerka mill-Kulleġġ Irjali ta'l-Ostetriċjani u l-Ġinekoloġisti (RCOG), fetu m'għandux il-konnessjonijiet meħtieġa fil-moħħ biex iħoss l-uġigħ qabel 24 ġimgħa. L-abort bil-pilloli d-dar jitwettaq fl-ewwel 12-il ġimgħa tal-ġestazzjoni.
Ir-riċerka RCOG tista' tiġi aċċessata hawn .
Meta m'għandix nuża pilloli tal-abort?
M'għandekx tuża pilloli abortivi jekk:
-
Xi ħadd qed jisforzak biex ittemm it-tqala tiegħek kontra r-rieda tiegħek.
-
M'intix ċerta dwar jekk tridx ittemm it-tqala tiegħek.
-
L-ewwel jum tal-aħħar period tiegħek kien iktar minn 12-il ġimgħa ilu.
-
Għandek allerġija għal Mifepristone, Misoprostol, jew prostaglandini (dawn huma rari ħafna).
-
Għandek waħda mill-mard li ġej: Insuffiċjenza adrenali kronika, Disturbi emorraġiċi jew disturbi / mard tad-demm, jew Porfirji. (Dawn it-tipi ta' mard huma rarissimi.)
-
Għandek tqala ektopika (tqala barra mill-ġuf).
-
Inti waħdek. Għandek titlob lil sieħba, ħabiba jew persuna oħra fdata biex tibqa' miegħek waqt li tuża l-pilloli abortivi.
-
Qegħda taħt l-influwenza tal-alkoħol jew tad-drogi.
Għandek tqala mhux mixtieqa jew mhux ippjanata u tixtieq tkellem lil xi ħadd? Trid tiddiskuti l-għażliet kollha tat-tqala, inkluż l-abort, ma' xi ħadd li huwa favur l-għażla? Ċemplilna jew uża ċ-chat fin-naħa t'isfel tal-lemin tal-iskrin.